Residenza għall-Artisti

Spazju Kreattiv jistieden lill-kreattivi mill-oqsma kollha biex japplikaw għal programm immersiv u bbażat fil-komunità ta’ artist f’residenza li jdum bejn ġimagħtejn u erba’ ġimgħat.

Dawn ir-residenzi huma bbażati fil-kuntest ta’ xena kreattiva kulturali li qed tikber f’Malta fl-istess waqt mal-għan ta’ Spazju Kreattiv li jkun katalist għall-arti kontemporanja f’Malta u li jippermetti kollaborazzjoni internazzjonali.

Il-programm ta’ residenza tagħna għandu l-għan li jarrikkixxi d-diversità kulturali fix-xena kreattiva ta’ Malta billi jħeġġeġ il-laqgħat u l-iskambji bejn l-artisti internazzjonali u dawk Maltin, il-kollaboraturi u l-komunitajiet kreattivi kif ukoll l-ambjenti fiżiċi u virtwali. Il-qafas ta’ residenza se jipprovdi ż-żmien għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll opportunitajiet biex il-kreattivi jinvolvu ruħhom mal-komunitajiet fil-preżentazzjoni tax-xogħol.

Interessat? Biex tkun taf dwar sejħiet futuri, inkiteb fin-newsletter tagħna jew segwina fuq Instagram jew Facebook

AiR 2021

AiR 2019-2020

Our Residencies

Dawk interessati jistgħu japplikaw għat-taqsimiet li ġejjin tal-Programm ta’ residenza tal-Artisti:

Residenza tal-Artisti ta’ Spazju Kreattiv f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ Valletta Design Cluster
Tul ta’ Residenza: 3 – 4 ġimgħat
Post ta’ Residenza: Il-Belt Valletta, Malta

Mill-2019/2020, il-Fondazzjoni Kreattività se tibda kollaborazzjoni multi-annwali mal-Valletta Design Cluster, spazju tal-komunità għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-bini rinnovat tal-Biċċerija fil-Belt Valletta. Il-Valletta Design Cluster jifforma parti mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, organizzazzjoni storika mill-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta, Malta fl-2018. Ir-residenzi, li huma bbażati fil-Belt, huma mmirati l-aktar lejn artisti u kreattivi mill-Pajjiżi tan-Nofsinhar Globali /Euromed/MENA. Se tingħata preferenza lil applikazzjonijiet li jittrattaw bidliet soċjali, demografiċi u kulturali fiż-żoni ta’ wirt urban li għaddejjin minn trasformazzjoni urbana mgħaġġla. Dawn ir-residenzi se jfittxu li jipprovdu opportunitajiet lil artisti f’residenza magħżula biex jikkollaboraw ma’ komunitajiet lokali speċifiċi li għandhom interess komuni fi tradizzjonijiet, xejriet soċjali u prattiki kreattivi kontemporanji li ilhom jeżistu, inkluż l-involviment mal-kultura materjali (“ħolqien”), l-ispazju urban, u l-prattiki tat-tfassil tal-postijiet. L-artisti/kreattivi se jkollhom l-opportunità li jużaw il-faċilitajiet tal-Valletta Design Cluster, inkluż tagħmir tal-manifattura diġitali fl-ispazju komunali (makerspace) tiegħu, faċilitajiet ta’ ħidma bi sħab, kmamar tal-laqgħat/tal-workshops, spazju tal-ikel, u żoni pubbliċi inkluż il-ġnien li għandhom fuq il-bejt. Kull residenza tista’ takkomoda sa erba’ (4) artisti/prattikanti li jikkollaboraw flimkien fuq proġett/tema ewlenija identifikata b’mod ċar. Meta l-applikant ikun aktar minn artist/prattikant wieħed, jeħtieġ li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni li turi kif it-tema identifikata se tiġi indirizzata b’mod multidixxiplinarju u minn perspettivi multipli.


Residenza tal-Artisti ta’ Spazju Kreattiv f’Għawdex
Tul ta’ Residenza: 3 – 4 ġimgħat
Post ta’ Residenza: Għawdex

Il-proġetti ta’ residenza ser ikunu bbażati fil-gżira rurali ta’ Għawdex, u ser ikunu ppjanati f’komunità mill-qrib u huma maħsuba biex jimmassimizzaw l-immersjoni kulturali fi ħdan il-gżira u l-komunitajiet tagħha, il-pajsaġġi, il-baħar u l-ħsejjes, u l-esplorazzjoni kontemporanja tad-diversità kulturali li teżisti hemmhekk.


Residenza b’enfasi fuq it-tfal u ż-żgħażagħ
Tul ta’ Residenza: 2 – 3 ġimgħat
Post ta’ Residenza: Malta

Din ir-residenza hija opportunità għat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ bejn 0–17-il sena biex jipparteċipaw b’mod attiv fi proġett ma’ kreattivi li huma sensittivi għall-ħidma f’kuntesti bħal dawn. L-inizjattiva hija parti mill-għan ta’ Spazju Kreattiv għall-involviment attiv u l-għoti tas-setgħa lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin fil-kreattività. It-taqsima hija organizzata b’kollaborazzjoni ma’ ŻiguŻajg Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ u l-Aġenzija Żgħażagħ, l-Organizzazzjoni Nazzjonali taż-Żgħażagħ.


Il-Prijoritajiet tal-Programm ta’ Residenza tal-artisti

l-applikazzjonijiet se jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-viżjonijiet strateġiċi ġenerali tal-Fondazzjoni Kreattività. Se tingħata prijorità lil dawk l-applikanti li:

·  Jikkollabora direttament u b’mod attiv mal-komunitajiet u l-kulturi lokali;

·  Huma lesti li jinteraġixxu/jagħmlu networking b’mod produttiv ma’ kreattivi u/jew organizzazzjonijiet Maltin;

·  Jaħdmu f’kuntest li jirrelata direttament mal-programm/i tal-Fondazzjoni Kreattività elenkat/i;

·  Forom kreattivi preżenti li qed jitfaċċaw bħalissa jew li mhumiex rappreżentati biżżejjed f’Malta u Għawdex.

Fondazzjoni Kreattività se tipprovdi lil dawk magħżula:

·  Akkomodazzjoni (il-post eżatt jiġi ddeterminat fi stadju aktar tard);

·  Trasferimenti mill-ajruport;

·  Sussistenza ta’ kuljum;

·  Provvediment tal-proġett;

·  Assistenza professjonali fil-koordinazzjoni u l-iżvilupp tal-inizjattiva.

L-ispejjeż tat-titjiriet huma r-responsabbiltà tal-applikanti magħżula u għandhom jiġu bbukkjati wara konsultazzjoni ma’ Fondazzjoni Kreattività.


Viżjoni Strateġika ta’ Spazju Kreattiv

Fil-bini tal-programm ta’ Spazju Kreattiv, jeħtieġ li jkun hemm viżjoni ċara. Fuq il-bażi tat-tliet pilastri tal-Eċċellenza Artistika, l-Involviment tal-Komunità u l-Internazzjonalizzazzjoni, il-kreattivi prospettivi kollha għandhom iżżommu f’rashom dawn it-3 pilastri meta japplikaw biex jagħmlu parti mill-programm tagħna.

Eċċellenza Artistika
Il-kreattivi minn oqsma differenti tal-ħajja huma mħeġġa jipproponu kunċetti li jistinkaw biex jimbuttaw il-konfini artistiċi u jagħtu nifs ġdid lill-kuntesti soċjopolitiċi attwali. Inizjattivi li juru ammont konsiderevoli ta’ riċerka u kisba kreattiva jitqiesu b’mod favorevoli. L-involviment dirett ta’ kreattivi emerġenti li qed ifittxu aktar esperjenza u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali hija wkoll xi ħaġa li għandha tiġi kkunsidrata fit-tħejjija tal-applikazzjoni. Il-proposti mressqa għandu jkollhom kunċett definit b’mod ċar fil-qosor issostanzjat minn portafoll ta’ xogħol u esperjenza fil-passat, pjan dettaljat ta’ azzjoni b’riżultati tanġibbli, u informazzjoni dwar professjonisti u/jew istituzzjonijiet li jissieħbu.

Invovliment tal-Komunità
l-organizzazzjoni tagħna tistinka għal djalogu soċjali u skambju ma’ gruppi komunitarji differenti. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-proposti ppreżentati juru fehim ċar tal-udjenza/i fil-mira, inklużi modi strateġiċi kif jistgħu jiġu involuti. L-aċċessibbiltà fil-forom kollha tagħha, kemm fiżika kif ukoll intellettwali, hija mħeġġa u meqjusa bħala aspett importanti ta’ kull sforz ta’ suċċess. Il-preżenza diġitali u l-interattività online bħala parti mill-impriżi proposti huma wkoll meqjusa bħala elementi essenzjali sabiex jitqiesu b’mod favorevoli li jiffurmaw parti mill-programm.

Internazzjonalizzazzjoni
Bl-għan kontinwu li jinkisbu riżultati artistiċi, l-applikanti interessati huma mħeġġa jfittxu msieħba internazzjonali fil-produzzjoni ta’ impriżi proposti. Dawn il-laqgħat u assoċjazzjonijiet jeħtieġ li jitqiesu fl-evoluzzjoni u l-iżvilupp kontinwu tal-proġett. Huwa mħeġġeġ l-involviment f’netwerks internazzjonali u f’kollaborazzjonijiet inkroċjati ma’ msieħba strateġiċi bil-għan li jkun hemm aktar żvilupp u jiġu mħeġġa opportunitajiet ta’ vjaġġar prospettiv.