Remembering the Boatman – A tribute to Derek Nice

Remembering the Boatman – A tribute to Derek Nice
Esibizzjoni ta’ tribut biex tikkommemora l-artist Derek Nice (1933 – 2021).
Derek Nice, li kien ġej minn East Anglia, dejjem kellu passjoni għall-baħar li ispira l-arti tiegħu: huwa kien jiskolpixxi, jibni u jpitter fdalijiet ta’ njam minn dgħajjes li huwa kien isib matul il-kosti. Is-snin twal tiegħu bħala direttur artistiku u disinjatur għall-palk u l-iskrin, u l-involviment kostanti tiegħu ma’ pitturi u skulturi ffokati fuq id-dgħajjes ifformaw is-sensibbiltà tiegħu lejn estetika ridotta ħafna, kemxejn partikolari għall-arti ta’ rappreżentanza moderna li toriġina minn dak ir-reġjun tar-Renju Unit. Huwa kien viżitatur regolari f’Malta fejn il-waqfiet numerużi tiegħu f’boatyards, u b’mod partikolari l-Fossa (Jews Sally Port) tal-Belt Valletta, biex jirriċerka u jiddokumenta l-kmajjar tas-sajjieda u l-murali tal-bastimenti kienu l-gost u l-pjaċir tiegħu.
L-esibizzjoni żgħira ta’ pitturi, skulturi u dokumentazzjoni tikkommemora dan l-artist umli, u se tkun esibita fi Spazju Kreattiv, li huwa post li kien ferm għal qalb Derek.