Refugee Week Malta

Loading Events
  • This event has passed.

Refugee Week Malta

21 Ġunju 2022 @ 7:30 pm - 9:00 pm
|Recurring Event (See all)

One event on 22 Ġunju 2022 at 7:30 pm

Refugee Week Malta

 

Refugee Week Malta se jittella’ għall-ewwel darba lokalment bejn it-Tnejn, l-10 ta’ Ġunju u l-Ħadd, is-26 ta’ Ġunju 2022. Dan il-festival huwa parti minn moviment globali, u huwa mfassal li jxerred il-kontribuzzjonijiet, il-kreattività u r-reżiljenza tar-refuġjati permezz tal-arti, u attivitajiet komunitarji u kulturali madwar il-gżira kollha. Sabiex jiżviluppaw dan il-festival, il-produtturi Dance Beyond Borders qed jadottaw approċċ lokali, li jikkonsisti f’networking mal-pubbliku fi ħdan il-komunità sabiex jikkollabora għat-tisħiħ ta’ komunità aktar ħolistika.

It-tema għall-festival ta’ din is-sena hija l-Fejqan: nirrikonoxxu l-abbiltà umana li terġa’ tibda mill-ġdid. Refugee Week għandu l-għan li joħloq spazji għalina sabiex ningħaqdu lil hinn mit-timbri u nispiraw kultura ta’ kura bejnietna kollha li ngħixu f’Malta u Għawdex. F’rispons mat-tema ta’ din is-sena, il-programm tal-films jinkludi films li jimpenjaw ruħhom man-nozzjoni ta’ “fejqan” b’modi differenti; dawn huma l-film Farewell Amor ta’ Ekwa Mangi, u ż-żewġ films qosra ta’ Karrar Al-Azzawi u Mohamed Ali (Dali) Aguerbi. Kull film jistieden l-introspezzjoni fis-suġġetti tal-ispostament uman, kif in-nies ikampaw meta jkunu ’l bogħod mill-maħbubin tagħhom, u kif it-Tama tgħinhom sabiex ikampaw fi żminijiet diffiċli.

Nirringrazzjaw lill-filmmakers u lill-produtturi li ġenerożament aċċettaw li l-films tagħhom jintwerew matul ir-Refugee Week 2022. Dan il-festival ġie approvat minn Counterpoint Arts, il-koordinaturi ta’ Refugee Week UK, u huwa ġenerożament appoġġjat minn: Il-Kunsill Malti għall-Arti; l-Association for Justice, Equality and Peace; u l-Medina Asset Management.

It-Tlieta, il-21 ta’ Ġunju 2022, 7:30pm

Just Crumbs u Don’t forget me  – b’sessjoni ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet

Lejla ta’ films u konverżazzjoni ma’ Mohamed Ali (Dali) Aguerbi u Karrar Al-Azzawi li tinkludi wkoll sessjoni ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet immexxija minn Sarah Chircop. Il-films ippreżentati se jkunu Just Crumbs u Don’t forget me.

Just Crumbs (2016) huwa film qasir ta’ Karrar Al-Azzawi, li huwa ħoloq waqt li kien qed jgħix f’kamp tar-refuġjati fil-Greċja. Karrar jistieden lill-udjenza għal perspettiva intima tal-ħajja ta’ kuljum fil-kampijiet tar-refuġjati minn għajnejn it-tfal li jgħixu fihom. F’dan il-film ningħaqdu mat-tfal fil-kundizzjonijiet ħorox tagħhom sabiex inkunu xhieda tal-istejjer, is-sentimenti u l-esperjenzi tagħhom. Minkejja li għandhom tfulithom misruqa, it-tama u l-imħabba tagħhom lejn il-ħajja jispikkaw. Dawn it-tfal issopravivew gwerra, baħar imqalleb meta kellhom jaqsmu, fruntieri magħluqa u kamp mgħasses mill-Armata Griega. It-tama tagħhom iżżommhom jiggranfaw mal-ħajja sabiex ikomplu jissopravivu u jippreservaw l-aħħar tifkiriet ta’ tfulithom u l-ħolm innoċenti tagħhom. It-tfal qed jgħidulna, bil-mod uniku tagħhom – u mingħajr filtru – x’jiġifieri tkun refuġjat.

Don’t forget me huwa spettaklu vidjografiku bbażat fuq it-temi tal-fruntieri, il-familja, l-ażil, l-inugwaljanza, il-ksenofobija, u d-drittijiet tal-LGBTIQ+. Dan hu spettaklu ta’ żfin kontemporanju, kif ukoll ittra miftuħa mill-artist lil missieru li jibda jesperjenza s-sintomi tal-marda tal-Alzheimer. Permezz ta’ movimenti u kliem, l-artist jesprimi l-biża’ tiegħu li jiġi minsi minn missieru. L-ispettaklu joħloq spazju ta’ kondiviżjoni bħala process ta’ fejqan għall-komunità waqt li jippreżenta opportunità lill-pubbliku sabiex jidħol fil-ħsieb ta’ kuljum ta’ refuġjat. Dan il-film inħoloq minn Dali Agrebi, artist u attivist tal-LGBTQI b’għeruq fondi fix-xena tal-arti lokali.


L-Erbgħa, it-22 ta’ Ġunju 2022, 7:30pm

Farewell Amor

101 minuta

Ċert 15

Wara 17-il sena mbiegħed minnhom, l-immigrant Angolan Walter jingħaqad ma’ martu u bintu adolexxenti fl-Istati Uniti. Issa, huma stranġieri għalkollox għal xulxin u waqt li qed jaqsmu appartament b’kamra tas-sodda waħda f’Brooklyn, isibuha diffiċli biex jegħlbu d-distanza emozzjonali ta’ bejniethom. Walter qed jipprova jinsa relazzjoni li kellu qabel waqt li martu Esther issibha diffiċli f’pajjiż ġdid, kultura ġdida u raġel li jidher tant ’il bogħod. Binthom Sylvia hija żeffiena bħal missierha u tesprimi lilha nnifisha permezz taż-żfin. Il-film huwa kemm storja universali ta’ immigrazzjoni kif ukoll il-perspettiva unika ta’ tliet karattri marbuta flimkien permezz tal-istorja u t-tama. Huwa ħarsa intima u profondament personali lejn il-ġrajja interġenerazzjonali li sawret lill-Amerka sa mill-bidu tagħha.

Informazzjoni fuq il-Biljetti

Adulti
€7
Konċessjonijiet
€6
Tfal
n/a
Cinema Club Members
n/a
Konċessjonijiet jinkludu studenti, persuni bil-karta anzjan u Special ID holders (SID)

Informazzjoni fuq il-Post

Ċinema ta’ Spazju Kreattiv

Kavallier ta' San Ġakbu, Pjazza Kastilja
Valletta, Malta

Informazzjoni Addizzjonali

Tul ta' Ħin
n/a
Ċert
n/a
Lingwa
n/a
: