Artist in Residence 2019: Sarah Vella & Lisa Colette Bysheim

Kristoffer_Øen-2016-10-13-DEF_6645-web

Sarah Vella (MT) u Lisa Colette Bysheim (DE)

Artisti f’Residenza, Lulju 2019

 


Dwar il-Proġett

ME(et)TEEN
ME(et)TEEN hija residenza ta’ 3 ġimgħat għal żgħażagħ Maltin. Toħloq spazju biex iż-żgħażagħ jiltaqgħu, jikkollaboraw u jesploraw il-mod kif jikkomunikaw lil hinn mill-oqsma tal-medja soċjali.

Huwa estensjoni tal-proġett ta’ Bysheim u Vella ME(et)YOU, rappreżentazzjoni interdixxiplinari taż-żfin li tiffoka fuq l-aspett multidimensjonali tal-laqgħat: matul konfini, kulturi u ġeneri differenti. Bysheim u Vella ilhom jirriċerkaw dan il-kunċett tal-laqgħat sa mill-2015, u japprezzaw l-opportunità l-ġdida li jadattaw il-proġett u jinvolvu udjenza ġdida iktar żgħażugħa.

ME(et)TEEN hija residenza taż-żfin kreattiva li toffri serje ta’ workshops ma’ 8-10 żgħażagħ Maltin, ta’ bejn it-13 u l-14-il sena. Ir-residenza se tinkoraġġixxi l-ħolqien konġunt, il-kollaborazzjoni u l-esperimentazzjoni. Iż-żgħażagħ se jkunu motivati biex imorru lil hinn mil-limiti tagħhom, jisfidaw il-konfini tagħhom u jesploraw approċċ li jista’ jkun ġdid għalihom: l-arti, il-ħolqien, ir-riskju u r-rappreżentazzjoni.

Iż-żgħażagħ se jkunu involuti b’mod attiv fi proċess kreattiv li jesplora l-effetti tal-medja soċjali fuq is-sentimenti u l-awtostima. Matul dan il-proċess, qed jiġu esposti għal ħin lil hinn mill-iskrin, li jagħtihom l-opportunità li jiltaqgħu, jikkollaboraw, jiskambjaw u joħolqu ma’ individwi tal-età tagħhom, u jiksbu għarfien dwar proċess kreattiv ma’ artisti professjonali. Fil-proċess se jkun hemm ukoll mużiċist bħala kollaboratur, li se joħloq xogħol mużikali li se jittella’ live fl-aħħar ġurnata tar-residenza. Ir-riżultat finali ta’ dan il-proġett huwa rappreżentazzjoni li ż-żgħażagħ se jieħdu sehem fiha u jikkondividu ma’ udjenza.

Aktar informazzjoni dwar ME(et)YOU: https://vimeo.com/264957008

 


Dwar l-Artisti

<b>Sarah Vella & Lisa Colette Bysheim</b> (MT, DE)

Sarah Vella u Lisa Colette Bysheim
Bysheim u Vella ltaqgħu matul l-istudji tagħhom fi Trinity Laban f’Londra. Bħala freelancers, joħolqu u jtellgħu x-xogħol tagħhom stess b’kollaborazzjoni ma’ artisti oħrajn f’diversi dixxiplini. S’issa, kienu involuti indiviwalment f’diversi proġetti taż-żfin għall-film, palk u għal xogħlijiet speċifiċi tas-sit. Il-lingwa movimentali tagħhom tinħoloq permezz tal-esperjenza tagħhom fit-tekniki kontemporanji u tal-improvizzazzjoni.

Sarah Vella
Sarah Vella hija żeffiena/koreografa u terapista minn Malta, ibbażata f’Berlin. Wara li ggradwat b’Bsc. (Hons) fl-Ispeech Therapy u l-Lingwa, marret tgħix Londra biex tistudja it-Trinity Laban, imbagħad Berlin biex taħdem bħala artista żeffiena b’mod freelance. Iffurmat parti minn diversi proġetti taż-żfin, speċifiċi tas-sit, tal-film u tal-opra bħala żeffiena u koreografa, u kompliet it-taħriġ tagħha permezz ta’ workshops ma’ diversi artisti influwenti.

Sarah ippreżentat xogħolha kemm b’mod nazzjonali kif ukoll internazzjonali, speċifikament f’Malta (il-Festival Notte Bianca, Spazju Kreattiv), l-Ingilterra, l-Italja, in-Norveġja u l-Ġermanja (100Grad Berlin Festival, is-serje Nah Dran, Theaterforum Kreuzberg). Bħala artista, tinteressa ruħha fl-esplorazzjoni tal-awtentiċità fuq il-palk u l-ġenwinità fl-improvizzazzjoni u matul il-proċess kreattiv.

Sarah wettqet ukoll ħafna xogħol komunitarju permezz tal-koreografija u t-tagħlim taż-żfin. Reċentement lestiet l-istudji tagħha fit-Terapija taż-Żfin/Moviment, u qed tkompli taħdem bħala artista taż-żfin freelance, għalliema u terapista f’Berlin, Malta u barra minn Malta.

Aktar informazzjoni: www.sarah-vella.com

Kristoffer_Øen-2016-10-13-DEF_9333-web

Lisa Colette Bysheim
Lisa Colette Bysheim taħdem fil-qasam taż-żfin u l-arti performattiva. Hija bbażata f’Bergen, in-Norveġja, u tippreżenta x-xogħol tagħha b’mod nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Il-prattika artistika tagħha hija mifruxa mill-ħolqien tax-xogħol tagħha stess, sa rappreżentazzjonijiet għal oħrajn u kollaborazzonijiet kreattivi. Sa issa, kienet involuta f’diversi proġetti għal films, galleriji, palk u xogħlijiet speċifiċi tas-sit.

Tellgħet xogħlijiet ta’ Yaniv Cohen, Roskva Yasmin Andersen, TGO//4332, u tad-diretturi Helena Wik u Lene Therese Teigen. Żviluppat ukoll xogħlijiet ta’ improvizzazzjoni b’kollaborazzjoni ma’ żeffiena, artisti viżivi u mużiċisti. Fl-2018, Lisa Colette kienet wara l-kunċett Performativity Beyond the Body flimkien mal-kuratriċi Kristina Melbø Valvik, serje ta’ ritratti u esibizzjoni ta’ diversi dixxiplini li tesplora r-relazzjoni bejn l-istrutturi arkitettoniċi u l-ġisem.

Fix-xogħol artistiku tagħha tittratta l-ġisem, u tesplora kif is-sensazzjonijiet, l-emozzjonijiet u l-enerġija għandhom il-potenzjal li jwasslu għal fehim aktar fil-fond tal-potenzjal fiżiku fil-moviment. Hija ispirata mill-ġisem, u taħdem b’dak li huwa intimu, primarju u onest f’forma fiżika, biex toħloq moviment li jisfida l-konfini tal-fiżikalità u jesplora x-xaqlib kontrastanti fl-enerġija.

Aktar informazzjoni: www.lisacolettebysheim.com

ME(et) YOU 2