Andrea Botto (Italy)

Artisti f’Residenza, 2022

DWAR IL-PROĠETT

Andrea Botto (1973) huwa fotografu u lecturer Taljan. B’interess fil-pollinazzjoni inkroċjata bejn diversi mezzi tal-arti kontemporanja, huwa juża l-fotografija bħala mezz kif ifettaq id-dinja sabiex jesprimi l-kumplessità tagħha u jesponi s-stratifikazzjonijiet tagħha. Il-ħin, l-immaġinazzjoni kollettiva, kif ukoll it-trasformazzjonijiet attwali li jimmarkaw l-età preżenti huma t-temi ewlenin tax-xogħol tiegħu, li jesplora l-ekwilibriju instabbli li jirregola l-pajsaġġ, permezz tal-“estetika tal-qerda”. Il-proġetti tiegħu ġew rikonoxxuti b’għotjiet u premjijiet u ġew eżebiti f’mużewijiet internazzjonali, inklużi l-Fotomuseum Winterthur, il-MAXXI f’Ruma, il-MoCA f’Shanghai, il-Mużew Benaki f’Ateni, iċ-Ċentru Kolkata għall-Kreattività. Ix-xogħlijiet tiegħu jinsabu f’kollezzjonijiet tal-arti kemm privati kif ukoll pubbliċi.

EPHEMERA. Fireworks and Other Effects – Andrea Botto

Il-logħob tan-nar twieled biex isaħħar, jgħaġġeb u jbeżża’, biex jgħaqqad bħal b’maġija d-dinja mas-sema. Huwa r-riżultat ta’ impenn kreattiv biex jiġi maħkum u mmansat in-nar, billi jiġu mmodifikati l-elementi għal skopijiet estetiċi. Il-logħob tan-nar jiġbidni minħabba n-natura effimera, vibranti u dejjem tinbidel tiegħu, iżda anka minħabba l-preċiżjoni enormi u l-aspett plastiku/skulturali tiegħu. Eżatt bħall-fotografija, huwa jgħix permezz tad-dawl. F’xi pajjiżi li jmissu mal-Mediterran (l-Italja, il-Greċja, Spanja, Malta, Franza) nistgħu nsibu espressjonijiet tradizzjonali differenti ta’ arti piroteknika antika, li hija r-riżultat ta’ influwenzi u ta’ skambji kulturali li seħħew matul is-sekli. Sa mill-bidu tas-seklu għoxrin, bdiet tiżviluppa arti piroteknika awtonoma u partikolari fl-arċipelagu Malti. Il-logħob tan-nar huwa mifrux sew u parti integrali tal-kultura lokali. Kull raħal għandu mill-anqas kamra tan-nar waħda, ħafna drabi tnejn, li tieħu ħsieb ittella’ l-ispettaklu għall-festi tal-qaddis patrun li jsiru matul is-sena kollha. U dan kollu fuq bażi volontarja, għaliex il-piroteknika mhijiex professjoni. Id-disinn partikolari tal-“bombi” Maltin mhuwiex biss dak li jidher fis-sema, iżda jiġi espress ukoll fil-kostruzzjoni tagħhom, u dan huwa r-riżultat ta’ għexieren ta’ snin ta’ kultura materjali.

EPHEMERA Panel Discussion

Il-konversazzjoni bejn l-artist Taljan Andrea Botto, u Dr Godfrey Farrugia, espert fil-qasam tal-logħob tan-nar. Waqt il-konverżazzjoni, tisma ‘dwar x’jinvolvi li jinħoloq logħob tan-nar u l-arti li hija maħluqa minnu. Diskussjoni mmexxija minn Ramona Depares.

Spazju Kreattiv Artists’ Residency programme is organised in collaboration with the Valletta Design Cluster and the Ministry for Gozo