Dwar

Merħba fi Spazju Kreattiv

Spazju Kreattiv jinsab fil-qalba tal-belt kapitali ta’ Malta, il-Belt Valletta. Lokalizzat fi Pjazza Kastilja u ftit metri bogħod mill-Parlament, il-MUŻA, il-Berġa ta’ Kastilja u l-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, Spazju Kreattiv huwa l-waqfa perfetta għal kull min jidħol sal-Belt. Dejjem b’xi ħaġa għaddejja li tkun relatata ma’ kull forma ta’ arti, hemm xi ħaġa fi Spazju Kreattiv għal kull età, ikun min ikun.

Spazju Kreattiv jikkonsisti fi programm ta’ arti kreattiva u avvenimenti kulturali li l-maġġoranza tagħhom jittellgħu f’Malta u Għawdex. Spazju Kreattiv ġie stabbilit mill-Fondazzjoni Kreattività fis-sena 2000 fil-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta, fortizza tas-sittax-il seklu li ġiet konvertita fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Kreattività. Nospitaw firxa ta’ spazji għall-esibizzjonijiet, ċinema, teatru fit-tond, programm ta’ artisti f’residenza, u mmexxu numru ta’ festivals fosthom ŻiguŻajg.

Il-Programm huwa magħmul minn taħlita ta’ proġetti u avvenimenti li jiġu sottomessi permezz ta’ sejħa miftuħa u permezz ta’ proġetti oħrajn li jkunu ġew maħluqa, kummissjonati jew prodotti magħna. Jekk tixtieq aktar informazzjoni biex tikkollabora magħna, ejja f’waħda mis-sessjonijiet regolari ta’ IKKREA fejn tista’ tiltaqa’ ma’ wieħed mill-koordinaturi tal-programmi tagħna.


Viżjoni strateġika

  • EĊĊELLENZA ARTISTIKA: Il-kreattivi minn oqsma differenti tal-ħajja huma mħeġġa jipproponu kunċetti li jistinkaw biex jimbuttaw il-konfini artistiċi u jagħtu nifs ġdid lill-kuntesti soċjopolitiċi attwali. Inizjattivi li juru ammont konsiderevoli ta’ riċerka u kisba kreattiva jitqiesu b’mod favorevoli. L-involviment dirett ta’ kreattivi emerġenti li qed ifittxu aktar esperjenza u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali hija wkoll xi ħaġa li għandha tiġi kkunsidrata fit-tħejjija tal-applikazzjoni. Il-proposti mressqa għandu jkollhom kunċett definit b’mod ċar fil-qosor issostanzjat minn portafoll ta’ xogħol u esperjenza fil-passat, pjan dettaljat ta’ azzjoni b’riżultati tanġibbli, u informazzjoni dwar professjonisti u/jew istituzzjonijiet li jissieħbu.
  • INVOLVIMENT TAL-KOMUNITÀ: l-organizzazzjoni tagħna tistinka għal djalogu soċjali u skambju ma’ gruppi komunitarji differenti. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-proposti ppreżentati juru fehim ċar tal-udjenza/i fil-mira, inklużi modi strateġiċi kif jistgħu jiġu involuti. L-aċċessibbiltà fil-forom kollha tagħha, kemm fiżika kif ukoll intellettwali, hija mħeġġa u meqjusa bħala aspett importanti ta’ kull sforz ta’ suċċess. Il-preżenza diġitali u l-interattività online bħala parti mill-impriżi proposti huma wkoll meqjusa bħala elementi essenzjali sabiex jitqiesu b’mod favorevoli li jiffurmaw parti mill-programm.
  • INTERNAZZJONALIZZAZZJONI: bl-għan kontinwu li jinkisbu riżultati artistiċi, l-applikanti interessati huma mħeġġa jfittxu msieħba internazzjonali fil-produzzjoni ta’ impriżi proposti. Dawn il-laqgħat u assoċjazzjonijiet jeħtieġ li jitqiesu fl-evoluzzjoni u l-iżvilupp kontinwu tal-proġett. Huwa mħeġġeġ l-involviment f’netwerks internazzjonali u f’kollaborazzjonijiet inkroċjati ma’ msieħba strateġiċi bil-għan li jkun hemm aktar żvilupp u jiġu mħeġġa opportunitajiet ta’ vjaġġar prospettiv.