L-istejjer li dawn il-ħitan għandhom x’jirrakkontaw…

‘L-Arkitettura suppost titkellem dwar iż-żmien u l-post tagħha, imma tixxennaq għall-eternità.’
– Frank Gehry

Dwar il-Kavallier ta’ San Ġakbu

 Kieku kien hemm xi sentenza li tista’ tintuża biex tiddefinixxi il-Kavallier ta’ San Ġakbu, din tkun perfetta. Bla ebda dubju, wieħed ma jistax ma jindunax bil-funzjoni oriġinali ta’ din il-binja, minħabba li minbarra tidher kbira u dominanti, fejn kull ġebla kienet mfassla biex iżżomm viżitaturi mhux mixtieqa ‘l barra minn ġo fiha u fuq kollox ‘il barra mill-Belt Valletta.

U din il-ħaġa, fil-verità, nistgħu nifhmuha.

L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kienu għadhom qegħdin jirkupraw minn battalja iebsa ta’ tliet xhur, magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir tal-1565, meta bdew isir pjanijiet biex tinbena l-Belt Valletta fis-sena 1566. Imbeżżgħin u fi bżonn kbir li jipproteġu lilhom nfushom, disa’ binjiet militari li jissejħu Kavallieri, kienu oriġinarjament mfassla biex idawwru s-swar tal-Belt Valletta u jnaqqsu ċ-ċans ta’attakki mill-ikbar għedewwa tagħhom – it-Torok Ottomani.

Allura meta ġew biex jibnu l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-forma tal-binja kienet tirrifletti l-użu li għal kien maħsub il-bini. Għalkemm il-bini kien ippjanat fuq karta minn wieħed mill-aktar arkitetturi magħrufa ta’ dak iż-żmien, Francesco Laparelli da Cortona, il-kompitu li minn din il-pjanta joħloq bini tal-ġebel, kien merħi f’idejn il-Malti, Gerolamo Cassar, li kien inġinier militari u arkitettur. Fil-fatt, il-maġġoranza tal-bini, kien magħmul biss minn ġebel, ġebel tas-sejjieħ u ħamrija, minħabba li l-funzjoni primarja, u kważi kważi anke ewlenija,  ta’ dan il-bini kien li jintuża bħala pjattaforma ogħla mis-sur minn fejn jistgħu jisparaw u għalhekk, la barra u lanqas ġewwa ma kien se jintuża għal xi ħaġa partikolari.

L-unika spazju fuq ġewwa kien passaġġ  twil livell mat-triq, b’ħames passaġġi iżgħar ftit iktar baxxi, u rampa li twassal għas-saqaf li sal-lum, wieħed għadu b’xi mod jew ieħor jista’ jara dan kollu. Iżda, dan il-bini kien mibni għal funzjoni li fil-verità qatt ma ntużat, għax l-intern mudlam u l-ħitan kbar ta’ barra, baqgħu jistennew għalxejn, għal tliet sekli sħaħ, ir-ritorn tat-Torok għall-vendetta.

Dwar il-Kavallier ta’ San Ġakbu

Iżda fis-seklu dsatax kien wasal iż-żmien għall-bidla. Il-bini tal-Kavalier ta’ San Ġakbu ma setgħax jibqa’ jistrieħ fuq il-funzjoni antika tiegħu.

Il-forzi Ingliż, wara li bdew jaħkmu fuq Malta, indunaw bil-potenzjal tal-ispazju vojt li kien hemm ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu, u eventwalment biddluhom f’postijiet fejn ħaddiema militari setgħu jissoċjalizzaw u jieklu flimkien – qisu bħal kafetterija militari, jekk trid tqisha hekk. Minħabba f’hekk, sar numru ta’ tibdil strutturali bżonnjuż, l-iktar evidenti fosthom hija t-trasformazzjoni tar-rampa wieqfa għal sensiela ta’ taraġ baxx, u l-introduzzjoni ta’ sular ieħor fil-passaġġi laterali isfel nett tal-Kavallier.

B’xi mod, hawnhekk kienu qegħdin jintwerew sinjali li kien hemm xewqa li jiżdied iktar l-użu ta’ dan il-bini u li dan il-bini jingħata l-ħajja – tbegħid mill-passat u tressieq lejn futur aktar inklussiv.

Wieħed jista’ jgħid li l-Ingliżi kienu l-ewwel nies li użaw l-ispazju l-Kavallier ta’ San Ġakbu biex ħarġu b’soluzzjoni kreattiva għall-bżonn u t-tħassib kbir li kellhom- il-ħażna u ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma ġewwa l-Belt Valletta.

Biex nagħmluha ċara – jekk m’hemmx ilma, m’hemmx ħajja…

Żewġ lokazzjonijiet, ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu ġew skavati u trasformati fi spazji li setgħu teknikament, isostnu l-ħajja ġewwa l-Belt Valletta. Fi kliem ieħor, il-Kavallier sar kontenitur ta’ sustanzja prezzjuża li minnha kienet tiġi fornuta s-sistema prinċipali tal-Belt Valletta, u li kienet tagħti l-ħajja lill-popolazzjoni kollha ta’ din il-belt. Għalhekk, bil-mod il-mod, l-forma u l-funzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu nbidlet hekk kif bdew jinbidlu ż-żminijiet, is-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet.

Kien fil-bidu tal-attakki mill-ajru fuq Malta, fit-Tieni Gwerra Dinjija, meta s-St James Cavalier reġa’ ħa l-funzjoni tiegħu ta’ post militari u beda jintuża għad-difiża. Il-bini kien post sikur fejn il-nies li kienu jgħixu ġol-Belt setgħu jsibu refuġju, filwaqt li s-sular ta’ fuq kien iservi bħala ħanut tan-Navy Army and Airforce Institute (NAAFI), li kien jipprovdi faċilitajiet ta’ klabb għall-forzi armati tal-Ingliżi.

Iżda dan kollu kellu jinbidel fl-1974, jiġifieri fis-sena meta Malta saret Repubblika, wara li għaxar snin qabel kienet ħadet l-Indipendenza.

L-ewwel sinjal kienet il-bidla tal-Kavallier ta’ San Ġakbu fi Stamperija tal-Gvern, li qabel kienet ġewwa l-Palazz Maġisterjali, waqt li fl-aħħar snin tas-seklu għaxrin, il-Gvern ta’ Malta, ikkummisjona l-preparazzjoni ta’ Master Plan li kellha tindirizza r-riabilitazzjoni tal-entratura u immedjatament barra l-Belt Valletta – pjan li sfortunatamnet, ma ġiex applikat kollu.

Dwar il-Kavallier ta’ San Ġakbu
Dwar il-Kavallier ta’ San Ġakbu

Il-Kavallier ta’ San Ġakbu kien fuq quddiem nett tal-Proġett għall-Millenju għal Malta u d-diżinn tar-riforma tal-bini waqgħet f’idejn l-arkitett renomat Dr Richard England. L-identità tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, ġiet ukoll riveduta u riformata kompletament – bħala iċ-Ċentru għall-Kreattività nazzjonali ta’ Malta, issa magħruf bħala Spazju Kreattiv.

 

L-aħħar kumment?

Ġewwa l-binja l-antika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu hemm spazju modern determinat li jippromwovi skambju kulturali, innovazzjoni u espressjoni ta’ kreattività – differenza kbira mill-fortizza militari li oriġinarjament kellha tkun.